Sara ħarbet minn darha u sabet protezzjoni f’Malta.
“I am free here... My mind is in peace, like never before.” - Sara
© UNHCR/Joanna Demarco
Waħda mill-isfidi primarji li refuġjati u migranti jaffaċċjaw fil-pajjiż ġdid li jospitahom hi dik li jsibu xogħol jew li jerġgħu jibdew il-karriera tagħhom wara li jkunu ħallew kollox warajhom.
Sara dejjem kienet ippassjonata dwar il-professjoni tagħha. Mara ddeterminata u kreattiva, hi kienet taf minn ta’ età żgħira x’riedet tagħmel. “Minn meta kelli ħdax-il sena, jien xtaqt inkun perit. Dan għaliex inħobb noħloq ambjenti…it-tip ta’ ambjenti li nixtieq ngħix fihom.”
Madanakollu, meta saret persuna li tfittex l-ażil, l-inċertezza tas-sitwazzjoni tagħha fissret li Sara ma kinitx ċerta jekk kinitx se tkun tista’ terġa’ taħdem bħala perit.
Sara u żewġha ħarbu minn darhom u waslu f’Malta fl-2015. Kif jiġri ħafna drabi, il-ħarba kienet perikoluża, iżda l-biża’ li kienu qed jaffaċċjaw jekk jibqgħu f’pajjiżhom fissret li ma kellhom l-ebda għażla għajr li jitilqu. Meta ħarbu, Sara qas kienet taf id-destinazzjoni aħħarija.
“Ma kellix għażla…Kollox ġara f’temp ta’ jumejn jew tlieta. Qaluli, ‘int se tmur Malta’, u ftit sigħat wara, kont hemm.”
Wara l-wasla tagħhom, Sara u żewġha kienu miżmumha fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi. Hija tiftakar li “kien żmien diffiċli ħafna” fid-detenzjoni, bla libertà biex titlaq u b’nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż ġdid li kienu għadhom kemm waslu fih. Ħaditilhom naqra żmien sakemm tgħarrfu aktar fuq is-sitwazzjoni tagħhom. “Wara xahrejn fid-detenzjoni, ħriġt ’il barra. Imbagħad mort fuq l-internet u fittxejt ‘Fejn hi Malta?’ Kienet xokk għalija.”
Ladarba ngħatat l-istatus ta’ refuġjata u ġiet meħlusa mid-detenzjoni, Sara kienet ħerqana biex terġa’ tibni ħajjitha mill-ġdid. Hi rrealizzat, però, li mingħajr għarfien ta’ Ingliż jew Malti, hi ma kinitx se tkun tista’ tikkomunika tajjeb biżżejjed biex takkwista xogħol.
Sara ssemmi lil Dun Vella mill-Kummissjoni tal-Emigranti bħala wieħed mill-aktar individwi ta’ appoġġ li għin lilha u lil żewġha jistabbilixxu lilhom infushom f’Malta. Sors ieħor ta’ appoġġ għal Sara kien id-drop-in centre tal-JRS f’Birkirkara, fejn hi ġiet provduta bi gwida. “Il-JRS veru għinuna. Kienu magħna mill-bidu nett.”
Bħala wieħed mill-aktar għaqdiet mhux governattivi attivi li jgħinu r-refuġjati, il-JRS hija l-organizzazzjoni msieħba tal-UNHCR għall-implimentazzjoni ta’ proġetti varji. Permezz tal-Project Integrated li huwa ffinanzjat mill-UNHCR, il-JRS tgħin lir-refuġjati, migranti, u persuni qed ifittxu l-ażil bi gwida relatata mal-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali.
Sara setgħet tibbenifika mill-programm Integration Priority Track (IPT), li għandu l-għan li jiżgura li individwi li għażlu integrazzjoni fit-tul f’Malta jiġu pprovduti bl-appoġġ bla ħlas u ppersonalizzat li għandhom bżonn biex jakkwistaw tali integrazzjoni.
Il-proġett joffri pakketti varji skont il-ħtiġijiet tal-persuna. Huwa pjan ta’ azzjoni individwalizzat għal individwi biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom jew biex itejbu ċ-ċansijiet ta’ impjieg. Dan kapaċi jinkludi għajnuna finanzjarja biex jixtru apparat (bħal per eżempju, għal hairdressing, welding, jew ħami), pagamenti għal korsijiet, jew tagħlim privat.
Il-programm IPT ta lil Sara l-għajnuna finanzjarja biex tlesti kors intensiv fl-Ingliż fi skola tal-lingwa ta’ ċertu stoffa. Ftit wara li lestiet dan il-kors, il-prospetti ta’ xogħol tagħha nbidlu kompletament.
“Qabel ma stajtx insib xogħol. Imma mbagħad studjajt l-Ingliż għal xahar u veru tjibt. Verament għenitni.”
Ftit wara li spiċċa l-kors, qassis fir-raħal fejn issa tgħix Sara introduċiha ma’ perit, u hi ġiet offruta impjieg. “Ċerta li kieku dan seħħ xahar qabel, ma kontx niġi aċċettata għax-xogħol.”
Sentejn wara, bl-għajnuna ta’ diversi Maltin li għinuha u laqgħuha, Sara tgħid li hi kuntenta fuq il-post tax-xogħol f’ditta stabbilita tal-arkitettura b’ambjent pożittiv ta’ ħbiberija.
Fl-istess waqt, hi tilmenta fuq il-fatt li r-refuġjati f’Malta xorta waħda għadhom meqjusin b’ċertu negattività minn ħafna nies lokali.
“Meta ngħidu li aħna refuġjati, jaħsbu li aħna ma nifhmu xejn. Bħal li ma nafux nużaw mobile, jew li qatt ma kellna karozza…Jaħsbu li ġejjin minn dinja differenti.”
Sara
Dan jipprevjeni lil Sara milli tgħid lil nies dwar il-passat tagħha, u dan hu l-għala hi ddeċidiet li tibqa’ anonima meta tkelmet mal-UNHCR. Hi ma tridx tiġi defenita min-nazzjonalità jew l-istatus ta’ refuġjat tagħha—kulma trid hi li tiġi rikonoxxuta għal dak li hi: ta’ ħaddiema professjonali ħawtiela. F’dan ir-rigward, hi diġà bdiet tipprova tagħmel differenza, u ħadet interess fil-pajjiż bit-tama li tikkontribwixxi b’mod pożittiv lil Malta permezz tad-disinji tagħha.
“Taf kif naf li qed inħossni aktar u aktar komda hawn? Għaliex meta nara xi arkittetura ħażina, ngħid il-veru ħasra li qed jagħmlu, bħal li jneħħu s-siġar, u xi wħud mill-binjiet il-ġodda li m’għandhom l-ebda element mill-kultura jew storja Maltija. Jien nixtieq nikkontribwixxi biex intejjeb u nbiddel l-ambjent mibni ta’ Malta, biex nagħmlu aħjar.”
Barra milli hi kapaċi tesprimi ruħha permezz ta’ xogħolha, għal Sara l-aktar ħaġa importanti dwar il-fatt li qiegħda f’Malta hu l-fatt li hi sabet is-sigurtà. Hawnhekk hi qed tibni ħajja ma’ żewġha, u flimkien jistgħu jibnu futur flimkien, ħielsa mill-ħsara u l-persekuzzjoni. B’reżiljenza u determinazzjoni, hi qed taħdem qatigħ u toffri ħilietha lid-dar ġdida tagħha.
*Karatteristiċi ta’ identifikazzjoni ġew mibdula jew eskluża għal raġunijiet ta’ protezzjoni.
Verżjoni ta’ dan l-artiklu deher f’Building Communities, rivista ta’ UNHCR Malta ppubblikata f’Jannar 2020.
Share on Facebook Share on Twitter